Fil-Jum Internazzjonali ddedikat għall-Familji (15 ta’ Mejju) żgur li ħsiebna dejjem imur fil-familja tagħna, kemm dik immedjata kif ukoll dik estiża. Biss, għal-lum ħsibna f’familji oħra: dawk tat-televixin. Kemm-il sensiela Maltija qieset il-familja fiċ-ċentru tagħha? Liema huma l-iktar familji li serqu l-qlub tagħna tant li kemm-il darba ħassejniehom parti mill-familja proprja tagħna?

Ta’ Cassar

Simpatiċi, Cassar

Din hija l-familja middle class tipikament Maltija tal-aħħar snin tas-seklu għoxrin. L-omm u l-missier it-tnejn jaħdmu, l-ulied it-tnejn studjaw lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja, u l-festini u ċ-ċelebrazzjonijiet jiġu organizzati f’kull okkażjoni, kemm jekk hu anniversarju, għeluq snin xi ħadd, jew sempliċiment bħala sorpriża. Il-praspar ta’ Jason, il-qrid ta’ Ruth u t-talb ma jaqta’ xejn tan-Nanna Katrin għamlu lil din il-familja waħda mill-iktar familji, litteralment, simpatiċi tal-ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin. U xi ngħidu għall-prużunzjoni tal-Kappillan u Leonard u l-indħil tagħhom f’dak kollu li jagħmlu ta’ Cassar u ta’ Filletti?

Ta’ Randu

madonna taċ-ċoqqa, randu

Il-familja ta’ Karmnu ta’ Randu wellidha Ġużè Diacono f’dak li x’aktarx huwa meqjus bħala l-iktar teledramm popolari tiegħu: Il-Madonna taċ-Ċoqqa. Ambjentat fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin, dan id-dramm għandu fiċ-ċentru tiegħu lill-familja Ta’ Karmnu ta’ Randu, li fi ftit żmien, minħabba kwistjonijiet fil-maġġorparti tagħhom Reliġjużi, idur kontriha raħal sħiħ. L-innoċenza ta’ Żara u Mikiel quddiem l-atteġġjament tar-raħlin, is-sofferenza ta’ Saverja għall-mibegħda li kellu jġarrab Karmnu u l-bqija tal-familja tagħha, u r-ras iebsa ta’ Karmnu u ta’ Rita, ilkoll tawna diversi emozzjonijiet li stajna nirreletaw magħhom.

Ta’ Sander

Ipokriti, sander, MaltaL-ewwel Soap Opera Maltija, waħda irfinuta bi stili ta’ xagħar u djar mill-iżjed tipiċi għas-sinjuri tas-snin disgħin, daħħlitna fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja ta’ Sander. It-tliet uliedu, ilkoll involuti fin-negozju tal-familja, dewquna l-avventuri u l-iskandli ta’ waħda mill-iżjed familji magħrufa fin-negozju tal-proprjetà. L-għira, il-kilba għall-poter u għall-flus, u l-esperimenti erotiċi fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-individwi, tawna idea tal-attività tipika f’familja li dak iż-żmien kienet tgawdi saħħa partikolari fis-soċjetà Maltija.

Ta’ Mario u Lydia

Strada Stretta, Mario, Lydia

L-ikbar emozzjonijiet f’dak li huwa televixin Malti matul dawn l-aħħar snin żgur li huma assoċjati mas-sensiela Strada Stretta. Il-ġibda u r-relazzjoni qawwija ta’ mħabba bejn Lydia Vella Hawton u Mario Borg baqgħu sal-aħħar tas-sensiela sospiżi u mingħajr ċertezza jekk humiex se jinbidlu f’relazzjoni matrimonjali jew jekk humiex se jibqgħu sempliċiment xewqa. Il-mewt ta’ Guido għamlitha iżjed faċli għal dawn it-tnejn sabiex jingħaqdu bħala familja waħda, bit-tfal ukoll, f’għeluq feliċi li kważi kważi jfakkrek fil-ħrejjef, iżda bi sfond għalkollox Malti.

Ta’ Ġoma u Pinu

F'Baħar Wieħed, Ġoma, Pinu

Id-dinamika ta’ bejn il-familja ta’ Pinu l-pastizzar u tal-Maġistrat tatna wħud mill-iżjed mumenti ħelwin matul is-sensiela F’Baħar Wieħed. Il-karattru impulsiv ta’ Ġoma u dak mill-iktar modest u kawt ta’ Pinu u binthom Mary ħolqu kuntrast kultant umoristiku daqskemm ta’ tagħlima. Iltqajna mad-diżappunt, l-għafsa ta’ qalb, il-preġudizzju u z-zekzik li jġib miegħu żwieġ bejn żewġ individwi li jappartjenu għal żewġ klassijiet distinti tas-soċjetà Maltija. F’xi daqqiet dħakna imma f’oħrajn tħassibna dwar il-qagħda miskina ta’ individwi li kellhom isofru l-preġudizzju tal-kotra fi żminijiet meta d-differenzi bejn il-klassijiet bdew kulma jmur jonqsu.

Ta’ Becky

Eileen Montesin, Becky

Il-familja ta’ Becky rajnieha tiżviluppa kemm-il darba. Il-mewt ta’ Alex ħalliet lil Becky armla b’żewġt itfal tagħhom u b’Sarah, it-tifla li addottat u ttrattat daqslikieku kienet tagħha. Ir-relazzjoni tagħha ma’ Jes tat lill-udjenzi tama ġdida u ż-żwieġ ma’ James forsi mliena bit-tama li din il-mara issa se tikkwieta u tnaqqas mill-bużullotti tagħha, u magħha tikkalma wkoll il-familja tagħha. Iżda arralna, għax is-separazzjoni minn ma’ James u r-ritorn taz-ziju Moriss  spiċċaw sabiex ħolqu praspar ġodda. Interessanti kif din il-familja għaddiet minn sensiela għall-oħra: Undercover, Dejjem tiegħek Becky, Becky The Return u It’s Morris.

Taċ-Ċaqqufa

Ċaqqufa, malta, lara azzopardi

Il-familja ta’ Rose tirrappreżenta l-familja li sfortunatament, u minkejja kollox, qajla tista’ ssib il-vera serenità. Din it-tifla, li kellha titrabba min-nanniet, kellha tesperjenza tfulija ħarxa wara li l-ħarba t’ommha lejn Sqallija u l-aġir irresponsabbli ta’ missierha ħallewha kważi kważi orfni. Mas-snin il-familja ta’ Rose tiżviluppa, u l-istess id-destin tagħha. Meta żżewġet id-destin tagħha deher se jaqbad jidħkilha, iżda l-mewta kiefra ta’ żewġha, l-abbuż li kellha ssofri u t-twelid ta’ binha frott l-istess abbuż komplew jiggravaw is-sitwazzjoni. Din il-familja kienet iddestinata għal iktar tibdil bir-relazzjonijiet il-ġodda tal-ġenituri; l-omm mal-qassis u l-missier ma’ mara ta’ nazzjonalità barranija.

© 2017 – VIDA Magazine – Clifford Jo Żahra